Navigate Up
Sign In
Language: Malti
A A A

Contact Information:

Address 
L-Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Identità
Gattard House,
Triq Nazzjonali,
Blata l-Bajda.

 Telephone
(+356) 2122 6627 / 8

 Email

L-Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Identità

Informazzjoni ġenerali

L-Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Identità (IDMO) huwa l-Awtorità ta’ Reġistrazzjoni għall-identità elettronika, rigward il-Karti tal-Identità elettroniċi taċ-Ċittadini Maltin u l-kontijiet virtwali tal-Identità elettronika fil-każ taċ-ċittadini kollha. F’dak li jirrigwarda dawn tal-aħħar, l-Uffiċċju jipproċessa wkoll applikazzjonijiet mibgħuta minn organizzazzjonijiet. Funzjonijiet oħrajn jinkludu l-għoti ta’ appoġġ lil partijiet terzi bil-ħsieb li jniedu inizjattivi relatati.


Applikazzjonijiet

L-Uffiċċju l-ġdid għall-karti tal-identità taċ-Ċittadini Maltin se jkun jinstab f’Gattard House, Blata l-Bajda u f’28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat (Għawdex).

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss minn ċittadini li jkollhom raġunijiet validi biex japplikaw, jiġifieri:
•    Applikanti għall-ewwel darba (jiġifieri persuni li m’għandhomx karta tal-identità);
•    Ċittadini li jitolbu kwalunkwe bidla fid-dettalji personali u/jew tal-indirizz fuq il-karta tal-identità tagħhom;
•    Ċittadini li jixtiequ jużaw il-karta tal-identità tagħhom bħala dokument tal-ivvjaġġar (biex isiefru barra mill-pajjiż) u li d-data ta’ validità tagħhom (stampata fuq in-naħa ta’ wara tal-karta tal-identità) tkun skadiet;
•    Ċittadini li l-karta tal-identità tagħhom skadiet għax għalqu 16 jew 18-il sena;
•    Ċittadini li jiddikjaraw li l-karta tal-identità tagħhom intilfet jew insterqet.

Fil-każijiet l-oħra kollha, it-talbiet għal tiġdid tal-Karta tal-Identità mhux se jiġu aċċettati. Għandu jiġi indikat li, skont it-termini tal-Avviż Legali 340 tal-2013, il-validità tal-Karti tal-Identità kollha li skadew ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2015. L-Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Identità għandu l-intenzjoni li jissostitwixxi l-verżjonijiet preċedenti kollha tal-karta tal-identità sa dak iż-żmien b’mod gradwali u permezz ta’ eżerċizzju ta’ tiġdid tal-massa li se jsir f’kull lokalità. Tali eżerċizzju għandu jsir xi żmien bejn nofs l-2014 u l-aħħar tal-2015. Aktar dettalji se jiġu pprovduti fi stadju aktar tard.

Fid-dawl tal-fatt li d-dokumenti tal-identità issa se jkollhom karatteristiċi elettroniċi (ir-raġuni għaliex jissejħu Karta tal-Identità Elettronika), il-karta l-ġdida mhux se tinħareġ fl-istess ġurnata meta ssir l-applikazzjoni. Dettalji dwar kif il-karti tal-identità stampati ġodda se jitqassmu se jingħataw aktar tard.


Rekwiżiti

L-applikanti għall-ewwel darba għandhom jippreżentaw:
•    Il-Formola ID 1 (mimlija kif suppost).
•    Dokument validu ta’ identifikazzjoni (eż. passaport jew liċenzja tas-sewqan), maħruġ minn sors uffiċjali, li għandu jinkludi ritratt riċenti u d-dettalji personali tal-applikant. F’każ li l-applikant mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi dokument ta’ identifikazzjoni, għandu jimla u jippreżenta l-Formola ID 4 (il-Formola tax-Xhud). Din il-formola għandha tinkludi dikjarazzjoni minn xhud li jiċċertifika l-identità tal-applikant u għandha tinkludi ritratt approvat mill-istess xhud.
•    Ittra ta’ konferma jew ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Espatrijazzjoni bħala prova taċ-Ċittadinanza Maltija tal-applikant. Din il-prova MHIX meħtieġa fil-każijiet li ġejjin:
      o    Applikanti mwielda f’Malta minn ġenituri miżżewġin u dak iż-żmien il-missier kien ċittadin Malti.
      o    Applikanti mwielda f’Malta jew barra minn Malta wara l-1 ta’ Awwissu 1989 u ommhom hija ta’ Nazzjonalità Maltija.
      o    Applikanti adottati f’Malta li għandhom inqas minn 10 snin.
      o    Applikanti mwielda Malta minn ġenituri barranin bejn l-10 ta’ Frar 1981 u l-1 ta’ Awwissu 1989 (japplika biss jekk il-ġenituri ma KINUX diplomatiċi).
      o    Applikanti mwielda f’Malta, li emigraw u kisbu ċittadinanza barranija wara l-10 ta’ Frar 2000.
•    Il-passaport tagħhom (jekk disponibbli).
•    Il-verżjoni preċedenti tal-karta tal-identità tagħhom (applikabbli biss f’każijiet fejn l-applikant ikun kiseb iċ-ċittadinanza Maltija u qabel kellu Karta tal-Identità bin-numru jibda bl-“A”).

Ċittadini li jitolbu xi bidla fid-dettalji personali u/jew tal-indirizz fuq il-karta tal-identità tagħhom għandhom jippreżentaw:
•    Il-Formola ID 2 (mimlija kif suppost).
•    Il-karta tal-identità tagħhom.

Ċittadini li jixtiequ jużaw il-karta tal-identità tagħhom bħala dokument tal-ivvjaġġar għandhom jippreżentaw:
•    Il-Formola ID 2 (mimlija kif suppost).
•    Il-karta tal-identità tagħhom.
•    Il-biljett tal-ajru tagħhom.

Ċittadini li jiddikjaraw li karta tal-identità tagħhom intilfet jew insterqet għandhom jippreżentaw:
•    Il-Formola ID 3 (mimlija kif suppost).
•    Rapport tal-pulizija li għandu jindika n-numru tal-karta tal-identità taċ-ċittadin.
•    Dokument ta’ identifikazzjoni validu, maħruġ minn sors uffiċjali, li għandu jinkludi ritratt riċenti u d-dettalji personali tal-applikant. F’każ li l-applikant ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi dokument ta’ identifikazzjoni, għandu jimla u jippreżenta l-Formola ID 4 (il-Formola tax-Xhud). Din il-formola għandha tinkludi dikjarazzjoni minn xhud li tiċċertifika l-identità tal-applikant u għandha tinkludi ritratt approvat mill-istess xhud.

Servizzi Oħrajn

Il-proċess il-ġdid se jkopri wkoll żewġ applikazzjonijiet oħra, jiġifieri l-kontijiet tal-identità elettronika (eID) u l-Kartanzjan (fil-każ ta’ persuni li għandhom 60 sena jew iktar):

•    Iċ-Ċittadini Maltin li jixtiequ japplikaw għal kont tal-identità elettronika għandhom imorru fl-istess Uffiċċju u, fl-istess ħin, japplikaw kemm għal Karta tal-Identità elettronika kif ukoll għall-kont imsemmi qabel tal-identità elettronika. Għal aktar informazzjoni dwar l-identità elettronika, ikklikkja hawnhekk.

•    Iċ-Ċittadini Anzjani (li laħqu l-età ta’ 60 jew 75 sena) li għad m’għandhomx il-Kartanzjan) għandhom japplikaw għal Karta tal-Identità elettronika. L-indikatur tal-Kartanzjan se jiġi inkluż fuq l-istess karta tal-identità elettronika. Għandu jiġi ċċarat li l-istampar ta’ Karti tal-KartAnzjan waħedhom mhux qed jitkompla.



Fees

Ħruġ ta’ Karta tal-Identità għall-ewwel darba Mingħajr ħlas
​​Tiġdid ta’ Karta tal-Identità skaduta (jew li fiha xi informazzjoni li m’għadhiex korretta) li mhix iddikjarata mitlufa, misruqa jew imħassra Mingħajr ħlas
Applikazzjonijiet għal Karta tal-Identità ġdida minflok waħda li tkun intilfet, insterqet jew inqerdet €20
Applikazzjonijiet għal Karta tal-Identità ġdida minflok waħda li tkun ġiet imħassra ​€15
​​

Opening Hours


​It-Tnejn: mis-0730hrs  sas-1400hrs
It-Tlieta: ​mis-0730hrs sas-1400hrs
​L-Erbgħa: mis-0730hrs sas-1400hrs  u mit- 1500hrs sas-1800hrs
Il-Ħamis: mis-​0730hrs sas-1400hrs
Il-Ġimgħa: mis-0730hrs sas-1400hrs
​Is-Sibt: mis-0730hrs sal-1100hrs


Forms

Formola ID 1

Biex timtela mill-applikanti għall-ewwel darba.

Biex taċċessa u/jew tniżżel id-dokument jekk jogħġbok ikklikkja hawnhekk

Formola ID 2

Biex timtela miċ-ċittadini li jitolbu xi bidla fl-informazzjoni li tinsab fuq il-karta tal-identità tagħhom jew minn persuni li beħsiebhom jużawha bħala dokument tal-ivvjaġġar.

Biex taċċessa u/jew tniżżel id-dokument jekk jogħġbok ikklikkja hawnhekk

Formola ID 3

Biex timtela minn ċittadini li jiddikjaraw li l-karta tal-identità tagħhom intilfet jew insterqet.

Biex taċċessa u/jew tniżżel id-dokument jekk jogħġbok ikklikkja hawnhekk.

Formola ID 4

Il-Formola tax-Xhud – biex timtela mill-applikanti għall-ewwel darba u miċ-ċittadini li jiddikjaraw li l-karta tal-identità tagħhom intilfet jew insterqet u li mhumiex f’pożizzjoni li jipprovdu dokument ieħor ta’ identifikazzjoni validu bħala prova alternattiva ta’ identità.

Biex taċċessa u/jew tniżżel id-dokument jekk jogħġbok ikklikkja hawnhekk.

Ftehim tal-Abbonat

Dan id-dokument se jiġi ppreżentat liċ-ċittadin biex jiffirmah meta jidħol fuq dan is-sit.

Biex taċċessa u/jew tniżżel il-Verżjoni bil-Malti tad-dokument jekk jogħġbok ikklikkja hawnhekk.

Biex taċċessa u/jew tniżżel il-Verżjoni bl-Ingliż tad-dokument jekk jogħġbok ikklikkja hawnhekk.